L-Uffċċju tal-President, b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura flimkien mal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qed jorganizza l-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida li se jsir nhar il-Ħadd 9 ta’ Jannar 2011, fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta.
Wara s-suċċess tal-Kunċert tas-Sena l-Ġdida li sar is-sena l-oħra fl-istess post, il-Presidenza wriet ix-xewqa li dan il-kunċert, li ħa post il-Kunċert tal-Epifanija li kien isir fil-Palazz il-Belt fejn il-post tal-udjenza kien wieħed limitat, jerġa’ jsir.
Il-Kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida qed jittella’ mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-Direzzjoni tal-Maestro Michael Laus. Dan se jkun kunċert uniku b’repertorju mill-isbaħ u li jawgura tajjeb għas-sena l-ġdida. Se jinkludi wkoll siltiet ta’ żfin minn studenti ta’ Johane Casabene Dance Conservatoire, kif ukoll miż-żeffiena tal-Wheelchair Dancing, studenti ta’ Pippa Roberts.
Min jixtieq jattendi għal dan il-kunċert jista’ jakkwista l-biljett bi prezz ta’ €5, li l-qliegħ mill-bejgħ imur għall-Malta Community Chest Fund. Il-biljetti jinxtraw mill-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund fil-Palazz il-Belt (mid-9.00 san-12.30pm) u fil-Palazz ta’ Sant’Anton (mid-9.00 sal-5.00pm) mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Il-biljetti jistgħu ukoll jinxtraw miċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-10.00am sas-1.00pm, u mill-5.00pm sas 7.00pm. Fl-24 ta’ Diċembru jkunu magħluqin. Is-Sibt jiftħu mill-10.00am sas-1.00pm. Min imur l-ewwel jinqeda l-ewwel.